AN AUTHOR’S OWN POLITICAL BAROMETER
"L-awtur lokali donnu ma jemminx li jista' jkollu xi effett "politiku" jew kulturali fuq is-soċjetà."
Mario Azzopardi
26 ta’ Marzu 2011"
In the wake of the rebellious tensions gripping the Maghreb countries and the Middle East, from Tunisia to the Gulf States, the Maltese Church paper IlGensillum (online) interviewed Mario Azzopardi and published one of his most recent poems,Rivoluzzjoni (2011), which is printed at the end of this interview, conducted by literary editor Patrick J. Sammut. The following is the full text of the interview in Maltese.
Id-dinja bħalissa għaddejja minn waqtiet diffiċli ferm. Insemmi l-għargħar li laqtu lil partijiet tal-Awstralja, il-katakliżma fil-Ġappun u l-gwerra ċivili fil-Libja. Kemm jolqtu avvenimenti bħal dawn lill-poeta/kittieb Malti? Inti ktibt xi versi f’rabta ma’ dan kollu?
Ma naħsibx li avvenimenti bħal dawn ma jolqtux lill-awtur Malti, imma jekk iċaqilquhx biex jikteb dwarhom, imqar f'sens ta' "kummentarju" inċiżiv, dik ħaġa oħra.
U t-trasformazzjoni ta' dawn l-avvenimenti f'termini estetiċi hi xi ħaġa aktar rari. Lili jolqtuni sewwa, forsi minħabba li qatt m'abbandunajt l-istint "ġurnalistiku" fix-xogħlijiet tiegħi. Ktibt poeżiji dwar it-tsunami, dwar il-klandestini, dwar it-traġedja tal-Palestina u sewwasew f'dawn il-jiem, dwar il-qawmien popolari fil-Maghreb.
Taħseb li l-poeta/kittieb għandu jesprimi ħsibijietu dwar avvenimenti bħal dawn issa qabel għada? Xi rwol għandu l-poeta/kittieb fi kwistjonijiet bħal dawn? Hu rwol iktar jew inqas important minn dak tal-politiċi tal-mument?
Ma tistax tesiġi x'jikteb l-awtur, jew meta u f'liema ċirkustanza. Ir-rwol tiegħu quddiem dawn l-avvenimenti ta' kronaka sewda jista' jiddeterminah hu biss.
Iżda tinħass xi ħaġa stramba li f'Malta ftit li xejn hawn ilħna awtorili li jmissu temi bħal dawn. M'għandix dubju li l-kittieba huma erwieħ sensittivi imma l-artikolazzjoni tal-kuxjenza pubblika tal-kittieb bħala barometru rilevanti, tidher li hi kompletament mirduma taħt l-impatt tal-politiċi u tal-midja, bl-aġenda partikolari tagħha. L-awtur lokali donnu ma jemminx li jista' jkollu xi effett "politiku" jew kulturali fuq is-soċjetà. Donnu li aċċetta funzjoni periferali għal kollox u jinsab irrassenjat.
Il-ħtieġa tal-paċi u r-rispett lejn l-ambjent naturali huma żewġ aspetti li l-poeta/kittieb ilu żmien twil itambar fuqhom. Issa l-popli bħal qed jindunaw kemm kellu raġun. Tħoss li l-kittieba u l-poeti qed jagħmlu biżżejjed biex il-messaġġ tagħhom jasal fejn għandu jasal? X’jista’ jsir aktar?
Ma naħsibx. Huma bil-wisq aktar rilevanti u voċiferi l-għaqdiet non-governattivi/volontarji. Fuq kollox, dawn jidhru li għandhom mhux biss kuxjenza ttemprata imma anki l-ħila li jimmobilizzaw ruħhom konkretament, anki fit-triqat u f'siti fejn l-ambjent hu kompromess minħabba l-mandat abbużiv tal-ispekulazzjoni selvaġġa.
Anki hawn, l-awturi tilfu leħinhom u b'hekk daħlu bħala kompliċi mal-poter. Jew siktu jew qed jikkonslaw li qed jiktbu ftit versi "simboliċi" biex iberrdu l-kuxjenza. Dwar x'iridu jagħmlu, ħalli nikkwota minn Dostojevski: "Il-mogħdija tiegħi hi waħda li ma tistenniex premjijiet."
Fi kliem ieħor, ħafna letteratura qed tinkiteb bħala platitudni, bħala attività li tistenna rikonoxximent "uffiċjali", imma li rari hi lesta li tisfida.
Hemm bżonn li l-gvernijiet u l-awtoritajiet jindunaw bl-importanza ta’ suġġetti bħalma huma l-Istorja, il-Letteratura, il-Filosofija u oħrajn. Id-dinja u l-ħajja tal-bniedem ma tissejjisx biss fuq ix-xjenza, il-finanzi, l-ekonomija u l-kummerċ. Xi tgħid dwar dan kollu?
Iridu jkunu n-nies kreattivi li jċaqilqu l-istatus quo. Tkun illużjoni li nistennew li l-gvernijiet jindunaw bl-"importanza" tal-letteratura, il-filosofija, u l-bqija. Il-gvernijiet ma jarawx l-iskop "spiritwali" fil-kultura, iżda jqisuha (meta jqisuha) bħala possibbiltà oħra għall-iżilupp tal-ekonomija. Li jimpurtahom huma l-istatistiċi mhux il-kuxjenza tal-artisti.
F'kull kriżi ekonomika, l-ewwel daqqa teħodha l-arti, u dan kullimkien. Hawn ukoll, il-midja taf tkun kompliċi, għax l-uniċi drabi fejn tagħmel intervent hu meta tħoss li hemm lok għal xi skandlu stupidu, sensazzjonalista, ġeneralment marbut mas-sess jew ma' xi skontru reliġjuż.
Dan hu komdu ħafna għall-gvernijiet, minħabba l-komponent aljenatorju tiegħu.
RIVOLUZZJONI
Fil-Misrah it-twerżiq tar-rabja msadda
Jipprova jwelled versi strapazzati.
Jiżdied il-gass u s-swat bl-arresti.
Jimxi jqaxxar l-asfalt id-demm taħt il-bankini
B’ħamiem novizz kurjuż iħares lejn l-irqajja’.
Il-mewt tgħaddi ‘ngarżata mal-istorja
Tgħaddi minn fuq it-twiebet.
U mill-palazzi tagħhom jittawlu b’serqa d-dittaturi
Bin-nervi ta’ saqajhom fildiferru.
Mario Azzopardi