SARAH TGĦID L-ISTORJA TAGĦHA

Mario Azzopardi

 

Meta deher ir-ritratt ta’  Vladmir V. fuq l-iskrin tat-televixin, Sarah kienet għandna.  Kienet  tiġi ta’ spiss meta jkollna xi ħaġa  x’niddiskutu  dwar  il-lezzjonijiet tal-kimika.  Jew imissni ngħid, meta kien ikolli bżonnha  tfissirli xi ħaġa li ma nkunx fhimt biżżejjed il-kulleġġ.  Sarah kienet brillanti fis-suġġett u l-ambizzjoni tagħha kienet li tkompli tistudja barra, fir-riċerka ta’ mediċini ġodda.

Imma ħalli ma nizvijjax.

Il-bieraħ filgħaxija, lejn nofs il-bullettin tal-aħbarijiet tat-tmienja, fuq l-iskrin deher  ir-ritratt ta’ Vladimir V.,  jipprova  jgħatti wiċċu mill-kameras hekk kif kien dieħel il-Qorti, eskortat minn żewġ pulizija pajżana.  Ma stajtx ma tagħrfux:  raġel  ta’ madwar 35-40 sena,  b’xagħru mqaxxra,  tatù żgħira,  speċi  ta’ gremxula fuq nagħsu tax-xellug  u mustaċċi rqaq kannella ċari.  Mhux l-ewwel darba li kont rajt ritratt tiegħu, anki fil-gazzetti.  U ġieli rajtu anki fiżikament.  

 Kif deher ir-ritratt, qlibt l-istazzjon.

-          Le ħallih, qaltli Sarah.  Imma stajt nara li jdejha kienu bdew jirtogħdu u bdiet tgiddem difrejha.

-          Hekk jew b’hekk,  qed tarah Malta kollha

Vladimir kien zijuwha. Ħu ommha.  Kien bniedem li jqabbadha  ansjetà kbira, hi li normalment kienet tfajla kalma u li taf tikkontrolla l-emozzjonijiet, anki meta xi ħadd jikkuntrarjaha u jipprova jqabbżilha ċ-ċinga.  Ġieli kont magħha u ltqajna miegħu u kienet tipprova tevitah bħal mikrobu perikoluż.  Kien jimbarazzaha jekk jipprova jieqaf biex ikellimha. Lili kienet tafdani u tgħidli eżattament kif tħossha dwaru, u li kienet tixtieq li jaħrab minn Malta jew jeħel ikla ħabs u ma tarahx aktar b’għajnejha.

Imma dakinhar l-aħbarijiet dwar zijuwha kienu gravi.  Did-darba għaxxaqha bil-kbir. 

 Kien qed ikun akkużat li stupra b’mod selvaġġ tfajla ta’ ħmistax-il  sena fil-Pajerò sewda li kellu, x’imkien lejn Baħar iċ-Ċaghak.  It-tfajla ppruvat tirreżistih, imma taha  bil-ponn fuq wiċċha u kellu x’jaqsam magħha meta kienet nofsha storduta, bid-demm nieżel ma’ ħalqha.  Imbagħad telaqha  ma’ ċint baxx u ħarab minn fuq il-post.  Ma kienx diffiċli għall-Pulizija biex jidentifikawh.

Skont l-aħbarijiet, Vladimir V. kien qed jgħid li mhux ħati.  Qal li t-tfajla kienet ilha tiċċettja miegħu ħmistax-il ġurnata fuq l-internet, qaltlu li għandha tmintax,  bagħtitlu ritratt waqt  sessjoni ta’ modelling u meta qalilha biex joħorġu, aċċettat.   Qal li s-sess  fil-karozza riditu hi, imma mbagħad bdiet tinnervja u tippanikkja u ppruvat tigriflu għajnejh biex jitlaqha.  Kien għalhekk li ddefenda ruħu  u kellu x’jaqsam magħha “biex jikkalmaha  u juriha kemm jixtieqha tkun tiegħu.”

-          Biex jikkalmaha u juriha kemm iħobbha!  You see kemm hu OK, kemm hu sensittiv Uncle Vlad!  Sarah ntefgħet lura fuq is-sufan u nfexxet tidħak, imma mbagħad bdiet tibki.

-          Ejja, Sarah, ikkalma.  Kulħadd jaf x’inhu dar-raġel, le?  Ħadd ma jassoċjak miegħu!  Issa jieħu li ħaqqu u good riddance.  Jeħel  ikla ħabs u good riddance, ejja…  Ħa nagħmillek drink…

 

Il-biċċa ma waqfitx hemm u qatt ma kont nobsor li l-affarijiet se jieħdu  x-xeħta daqshekk drammatika li ħadu.  Il-gazzetti rrapurtaw bid-dettall l-istorja taz-ziju ta’ Sarah u taw lista ta’ każi li r-raġel diġà kellu mal-Pulizija.  Imma minn hawn jew minn hemm dejjem żgiċċa.  L-aktar li weħel  kienu sitt xhur ħabs  u darb’oħra kienu tawh probation.  

U skont kif kienu sejrin l-affarijiet, anki din id-darba, deher li sata’ jeħlisha ħafif mhux ħażin.  L-avukati difensuri kienu talbu li jkun eżaminat il-kompjuter tiegħu u tat-tfajla li stupra u sabu li veru li kien hemm  kuntatt bejniethom u veru kien hemm konferma  li t-tfajla bagħtitlu ritratt u aċċettat li toħroġ miegħu.  Fil-kompjuter tiegħu sabu ruxxmata ritratti pornografiċi, imma naturalment, l-avukati tiegħu qalu li min jaf kemm hawn irġiel li jidħlu f’siti pornografiċi u jniżżlu materjal  suġġestiv u provokanti.  

-      Allura x’se nagħmlu issa, staqsew l-avukati fil-Qorti.  X’se nagħmlu:  nibdew nissuspettaw li nofs l-irġiel Maltin u Għawdxin se jibdew jistupraw lit-tfajliet u n-nisa, għax  iżuru siti pornografiċi?  Hu ċar, Sur Imħallef,  li l-każ ta’ Vladmir V. għandu  ċirkostanzi partikolari ħafna,  u r-ritratti li nstabu fuq l-internet ma jippruvawx li hu xi  bniedem pervers, li jaqbad u jistupra tfajla kif ifettillu jew li joqgħod jikkalkula kif se jaggrediha.  F’dan il-każ, is-sess beda bħala  att konsenswali, Sur Imħallef.  It-tnejn riduh. Dan kien każ eċċezzjonali u Vladimir V. nqabad fih bla ma ried, mingħajr  intenzjoni.  Hu m’għandu l-ebda storja ta’ xi abbuż  sesswali, la riċenti u lanqas mill-imgħoddi. Fil-karozza Pajerò, Sur Imħallef, dak li ġara kien sfortunat u l-kljent tiegħi kien ingannat.  It-tfajla gidbitlu dwar l-età tagħha.   

 

Kont għadni kif spiċċajt naqra fil-gazzetta r-rapport tas-seduta tal-Qorti ta’ dakinhar  meta daqq il-mobajl.  Kien għall-ħabta tad-9  ta’ filgħaxija u d-dar kont waħdi.  Il-papà  kien tala’ l-Italja fuq  xi business u l-mama miegħu, għax xtaqet tara l-bliet tan-naħa ta’ fuq.

Fuq il-mobajl kien  hemm Sarah.  U kienet  tinstama’ pjuttost  eċċitata.  Naturalment  kienet qrat ir-rapport mill-Qorti hi wkoll.

-          Ej Sarah. Qed intelfek?

-          No way.  Qiegħda waħdi.

-          Sa  x’ħin?  X’ħin jidħlu l-mamà?

-          Il-mamà msiefra.  Telgħu l-Italja, hi u l-papà.

-          Nista’ niġi s’għandek?

-          No problem, Sarah.  Imma x’inqala’?

-          Issa ngħidlek kollox.  See you. Thanks.   

 Nofs siegħa wara  daqqet il-qanpiena tal-bieb.  Sarah ma kinetx toqgħod ‘il bogħod minni.  Meta daħlet qaltli biss thanks minn taħt l-ilsien u marret dritt fuq is-sufan.  Jien poġġejt ħdejha u poġġejt idi fuq tagħha.  Pawsa.

-          What’s up, Sarah?  

Kont ili ma naraha mill-Ġimgħa.  Fil-weekend qaltli li ma xtaqitx toħroġ, u llum ma dehritx il-kulleġġ. Issa bdejt nifhem għaliex ma ħarġitx u għaliex ma ġietx għal-lekċers.

Pawsa oħra.  Ridt nagħtiha ċans tiġi f’tagħha. Titkellem  meta tixtieq titkellem.  Imbagħad ħarset dritt f’għajnejja.  Qisha qed tfittex xi ħaġa fihom.  Tfittex ħalli tara min jien, tistax tafdani, iniex tassew il-ħabiba leali tagħha, iniex il-bniedma li nifhem kollox, kull ma tgħidli jew kienet lesta li tgħidli.

-          Are you following the court case?

-          To be honest , meta ċempiltli kont għadni kemm qrajt ir-rapport fit-Times.  U għidt  li qisu anki din id-darba se joħroġ easy aktar milli ħaqqu.

-          Exactly.

-          Sarah, ejja, mhux aħjar tgħidli?  X’jiġifieri exactly?  Għaliex ċempiltli?  Ejja, Sarah, aqlagħha.  

-          Nobogħdu!  I hate him!

Għajnejha kienu qed idemmgħu.  Id-dmugħ kien miġmugħ biss.  Ma nfaqgħetx tibki.  U jdejha kienu kesħin.  Imbagħad daret lejja.  Reġgħet ħarset fil-fond, donnha trid togħdos fihom.  Jew tinħeba fihom, ma nafx.  Tant kienet qed tagħfasli jdejja bis-saħħa li kważi bdiet tweġġagħni.

-          Nista’ ngħidlek?     

-          Dażgur li tista’ tgħidli.

Is-silenzju kien oħxon, tqil, jgħaqqadna u jifridna fl-istess ħin.  Silenzju stramb u silenzju spjun, irid jisma’ x’għandha xi tgħid l-akbar ħabiba tiegħi.  Imbagħad Sarah titkellem b’leħen donnu ġej minn x’imkien ‘il bogħod, mhux minn  40 ċentimetru bogħod minni:

-          Vladimir.

-          Tkellem, Sarah, please.

-          Dak il-bhima.  That beast is my father.

-          X’jiġifieri!  What the hell, Sarah?

-          I’m his child.  He’s my biological father.

Jiġu mumenti meta dak li hu reali u dak li mhux reali jitħalltu flimkien.  Meta l-ħajja tinbidel f’episodju li donnu m’huwiex jiġri lilek.  Li tkun qed tħoss x’qed jiġri imma ma tifhmux, jew ma  tkunx lesta tifhmu. U ħdejja kien hemm Sarah, kiesħa silġ, b’leħen li donnu mhux tagħha, tiddikkjara li r-raġel akkuzat fil-Qorti li stupra tfajla bi vjolenza f’Baħar iċ-Ċaghak, kien missierha.  Ma kienx zijuha biss, imma kien zijuha, hu ommha, u missierha.

Dakinhar  jien u Sarah domna nitkellmu sas-siegħa ta’ filgħodu u raqdet għandna.  Qaltli l-istorja kollha. Saret tafha mingħand ommha stess tlitt ijiem qabel.  Qabel tlitt ijiem ilu ma kienet taf xejn.    

Meta kellu madwar għoxrin  sena , Vladimir, li dejjem tela’ mfissed u dejjem kien jgħaddiha lixxa d-dar, kellu x’jaqsam m’oħtu, omm  Sarah, erba’ snin iżgħar minnu.   Kien jidħol bħal serp bil-lejl u jgħidilha li qed iħossu waħdu u li għandu qalbu sewda għax m’għandux ħbieb lil min jafda.  U kien iġibilha ċ-ċikkulata u jagħtihielha f’ħalqha  u jdaħħal subgħajh f’ħalqha u jgħawwar madwar ilsienha u jgħidilha li lilha biss seta’ jafda u mbagħad jibda jmissha u oħtu kienet  tibda tibki u jsikkitha u jibda dieħel fiha u jgħidilha li jekk titkellem kien ikollu joqtolha u mbagħad jagħmel suwiċidju biex imutu flimkien għax lilha biss iħobb, lilha biss kellu f’ħajtu. 

-          U tliet xhur wara, oħtu nqabdet pregnant.  U t-tarbija kont jien, Sarah. Oħtu saret ommi, qed tifhem?

M’għidt xejn.  Kienet storja tal-kotba.  Kbira wisq biex naqbadha f’daqqa.  Imma  mbagħad:

-          U l-mamà ma kixfitux?  X’qalet? X’qalet meta nqabdet tqila?

-          Qalet lil ommha li marret il-luna park u mbagħad xorbot u kellha x’taqsam ma’ xi ħadd  bilkemm tafu u ġara dak li ġara.  Ma riditx tikxef lil ħuha  u ma riditx iġġib skandlu akbar fil-familja.

-          Inċest.

-          Hekk hu.           

-          U l-mamà baqgħet ma qaltlek qatt xejn lilek?  Dwar min hu l-veru missierek?

-          Qatt.  Qaltli biss nhar il-Ġimgħa. Only last Friday.  Wara das-snin kollha qaltli biss nhar il-Ġimgħa.  Lili kienet tgħidli li kienet inqabdet pregnant minn xi ħadd meta kienet żgħira u belha, u kellha lili, imma qatt ma riedet tgħidli min hu l-veru missieri.  Staqsejtha kemm-il darba, but she always said it’s not important any more.   I said it’s important for me, imma baqgħet ma tridx tgħidli min hu.

-          U l-papà … I mean,  ir-raġel li żżewġet ommok?

-          Good man, Renald.  Really good man.  They got married meta l-mamà diġà kelli lili.  Lil Renald  qaltlu kollox.  Kien jaf li ħuha Vladmir kien jirrejpjaha, li kien ħariġha tqila.  Imma  ftehimu li dak is-sigriet kbir iżommuh għalihom biss.

Dak li kien diffiċli li nifhem hu għaliex omm Sarah ddeċidiet li finalment kellha tikxef is-sigriet kollu. Għaliex ma ħallietx kollox kif kien?  Għaliex ma ħallietx kollox midfun taħt is-snin li għaddew?  Għaliex kixfet l-għatu fuq din il-bejta ta’ nsetti  kattivi, wara daż-żmien kollu?  Sarah spjegatli kif irraġunat ommha, kif ġiet f’sensiha, kif riedet titnaddaf mill-gidba li kienet qed tgħix dawk is-snin kollha u li kienet qed tifgaha.

-          Il-mamà  qed issegwi l-każ ta’ ħuha Vladmir fil-Qorti.  Il-każ tar-raġel li ħarbtilha ħajjitha u moħħha.  Il-każ ta’ missieri, Sarah!  Get it?  Fuck him!   U l-mamà bdiet  tara li l-avukati qed jippruvaw jeħilsuhielu.  

-          Ovvja.

-           U se jerġa’ jgħaddi ż-żmien b’kulħadd u jerġa’ jkun mas-saqajn.  U ddeċidiet li trid tmur għand il-Pulizija u tgħidilhom l-istorja kollha.

-          Jesus!  Żgura li trid tagħmel  hekk?

-          Żgura.  Trid tgħidilhom li kien irrejpjaha meta kienet taħt l-età u kien jheddidha li joqtolha jekk  titniffes. Tgħidilhom li kien ħariġha pregnant.  Tgħidilhom li ħuha ma kienx sabha bi kbira li jirrejpja lilha, oħtu stess, aħseb u ara kemm kien se jħabbel rasu jassalta sesswalment  tfajla li ma jafhiex.  Trid tgħidilhom kollox biex jifhmu sew min hu Vladmir V.

 

GĦELUQ (PROVIŻORJU) GĦALL-ISTORJA TA’ SARAH.

Silta mir-rapport fil-paġna tal-kronaka tal-ġurnal Forum tas-27 ta’ Lulju 2010:

 Il-każ ta’ Vladimir V., li issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar jiem fil-Qorti Kriminali taħt il-presidenza tal-Imħallef Giustino Bonanno, hu mistenni li jieħu żvolta ġdida.   Hu rrappurtat li l-bieraħ filgħodu  oħt l-akkużat,  li hu mixli li stupra bi vjolenza tfajla minorenni taħt l-età  f’Baħar iċ-Ċagħak,  għamlet rapport lill-Pulizija fejn qed tallega li ħuha kien stupra lilha wkoll diversi  drabi meta kellha sittax-il sena u bħala konsegwenza, hija kienet ħarget tqila minnu.  Oħt l-akkużat qed tallega li Vladmir V. kien jheddida li jekk titkellem, kien joqtolha u mbagħad jikkommetti suwiċidju.  Forum ipprova jikkuntattja lill-avukati difensuri ta’ Vladimir V. biċ-ċellulari u b’diversi emails,  imma sakemm morna għall-istampa ma kellniex tweġiba.          

 


    TMIEM