AKTAR STEJJER “DIFFERENTI”     

“L-Aħħar Ġranet ta’ Ciorni u Rakkonti Oħra” ta’ Mario Azzopardi

Merlin Library, 2009

                                               

 

http://www.youtube.com/watch?v=MR7K2XqbsJ8

Mario Azzopardi's latest collection of stories for young adults, L-Ahhar Granet ta' Ciorni (The Last Days of Ciorni)was launched in November 2009 at the Malta Book Fair. This is Azzopardi's second anthology of cutting edge stories in as many years for young adults.

 

The first to review the collection was Mr CHARLES FLORES, literary editor of l-Orizzont, a leading paper in Maltese.  Flores hailed the new book as another marker of Azzopardi's uncompromising approach to content and style, which continues to characterise the innovative manner of the author. "This is an engaging book", wrote Mr Flores, "and Azzopardi cannot offer anything less".  Flores added that in each and every story, the reader is taken on "a magic walk" towards narratives that as a matter of fact, are "never ending", leaving the reader at a crossroad. 

 

In his stories, explained Mr Flores, Azzopardi introduces real pictures happening on our streets, under circumstances known to us, which we also may experience, but which we ignore or pretend to ignore.

 

The following is Mr Flores' full review in Maltese, published on 16th December 2009.     

  

 

 

HU INTERESSANTI KIF l-aħjar fost il-kittieba u poeti tas-Snin Sittin għadhom protagonisti tista’ tgħid assoluti tax-xena letterarja f’pajjiżna. Ngħid dan bla ma nitfa’ xi dell fuq ix-xogħlijiet ta’ awturi ġodda li rajna jinbtu f’dawn l-aħħar snin u li fuqhom u magħhom għad trid tintiseġ dik il-kontiwita’ letterarja tant meħtieġa f’pajjiż li jemmen li għandu Lsien u Letteratura ħajjin tiegħu.

Mario Azzopardi qatt ma kien tal-kompromessi. Il-poeżija tiegħu, kemm dik ġdida kif ukoll dik li issa tmur lura l-għexieren tas-snin fuq medda twila ta’ xogħlijiet stampati, hija msejsa fuq l-isfida tal-ħajja tal-bniedem, fuq realtajiet li ġġib magħha u fuq ġrajjiet u sitwazzjonijiet soċjo-politiċi li għamlu minn Malta dik li hi u mill-Maltin dawk li verament huma.

 

Hekk ukoll fil-proża ġdida tiegħu, li fuqha donnu qed jikkonċentra dejjem aktar (is-suq jiddetta?), Azzopardi ma jagħżilx it-triq faċli tat-tradizzjoni ta’ stejjer ħfief u mexxejja fis-sens ta’ ispirazzjoni, iżda jmur espressament fuq ideat imsawra f’ambjenti li għad li jiġru, u jiġru sikwit, dejjem issib lis-soċjeta’ tipprova taħbihom, tnaddafhom jew tuża deterġenti ħorox biex tgħaddihom minn proċess ta’ tisfija qabel jiġu f’idejn il-pubbliku sottomess u fraġli.

 

“L-Aħħar Ġranet ta’ Ciorni” jitfa’ fuq il-ġeneru ta’ kitba għaż-żgħażagħ u l-adulti fost il-qarrejja ta’ kotba bil-Malti dik iż-żiffa ħelwa ta’ novita’. Mhix eċċessiva, anzi xi daqqiet Azzopardi jinkixef qed iħoss u juġgħa mal-karattri varji tiegħu, iżda effettiva b’mod li l-qarrej ma jgħaġġilx jasal għal fehma dwarhom. Ġie li anki fi tmiem uħud mill-istejjer, il-qarrej isib ruħu f’kantuniera, ħerqan ifittex id-direzzjoni li jista’ jieħu fi speċi ta’ vjaġġ mhux ippjanat iżda li jrid isir, f’mixja msaħħra li jixtieq jingħaqad fiha meta saqajh qed jiġbduh lejn band’oħra. L-istorja li ma tintemmx.

 

F’kull storja, Mario Azzopardi jinseġ kwadru reali tal-ħajja fit-triqat tagħna, fl-ibliet u rħula ta’ Malta, f’ċirkustanzi li nafuhom, nesperjenzawhom u min jaf kemm ninjorawhom jew nagħmlu ta’ birruħna li ma ntbaħniex bihom. L-awtur hawnhekk juża makakkerija daqqiet fina – asal għaliha waħdek, jekk trid – daqqiet kiefra – ħudha, jekk trid, iżda din hi s-sewwa. Hija strateġija letterarja li kultant taqtagħlek xi ftit nifsek, fl-istil iżda mhux fl-imitazzjoni ta’ Milan Kundera, waqt li timpenjak bis-serjeta’ mill-bidu tar-rakkont propju sal-aħħar, fl-istil iżda mhux fl-imitazzjoni ta’ Haruki Murakami.

 

Kuntrarju għall-poeżija, l-proża bil-Malti ħadet bixra eċċitanti ferm tul dawn l-aħħar erbgħin sena. Minn Frans Sammut u Paul P. Borg, Oliver Friggieri u Trevor Zahra sa Alfred Sant, Ġorġ Peresso u, fil-kategorija stretta tiegħu, Anton Grasso, u ferm iżjed lejna, minn Ġuże’ Stagnou Pierre J. Mejlak sa Clare Azzopardi, rajna xogħlijiet li kebbsu aktar il-ġamra tal-kitba f’suq li ma jiflaħx wisq, iżda xorta waħda għadu qed jespandi talanqas tematikament.

 

Il-miġja ta’ Mario Azzopardi f’dan ix-xenarju ħadet is-sura ta’ katalista. Bil-ktieb tiegħu “Alicia Titkellem mill-Imwiet” wera xi jsarraf mill-ewwel anki fil-kuntest tar-rakkont letterarju post-post-modern ta’ pajjiżna. Ried jagħtina, u rnexxielu, ġabra ta’ stejjer “differenti” minn ta’ qabilhom. Hawnhekk qed jagħtina l-konferma ta’ awtur li bla serħan qed jimla t-tila tiegħu bl-ilwien li waqt li nagħrfuhom kollha, qajla nistgħu nifhmu l-ħila maġika tiegħu li jibdilhom fi kwadru lest u mpitter għalina.

 

B’ “L-Aħħar Ġranet ta’ Ciorni”Azzopardi qed joffrilna aktar stejjer “differenti”. Mhux qed jippretendi li jgħallem, iżda hemm tagħlimiet kbar fihom. Mhux qed jiddetta twemminu, iżda t-twemmin tagħna bħala qarrejja sfidat. Mhux qed jibni fuq prinċipji, anzi kultant jidher u jinħass qed jiksirhom hu stess, iżda l-prinċipji tagħna jinbtu u jisparixxu b’rapidita’ li ssaħħrek. Hu ktieb impenjattiv. Azzopardi ma jafx ikun mod ieħor. Hu ktieb li ż-żegħil fih ma jseħħx bil-fsied iżda bil-qawwa tal-karattru, tas-sitwazzjoni, tal-ġrajja u tar-rakkont. Kollha flimkien jiffurmaw kullana oħra mill-isbaħ mingħand awtur li kompla xettel il-poeżija tiegħu fil-proża.