Patrick Sammut jintervista lil Mario Azzopardi
1. X’taħseb dwar l-importanza li l-kittieb/poeta jsemma leħnu rigward il-qirda tal-ambjent naturali?
Hu dmir tal-awturi li jitkellmu, mhux biss dwar il-qirda tal-ambjent, imma dwar dak kollu li jikkomprometti l-ġustizzja u dak kollu li jikkorrompi u joqtol l-ispirtu. L-ambjent għandu jkun mifhum f’dimensjoni wiesgħa, ibda mill-isfreġju fiżiku tal-pajjiż u spiċċa fil-korruzzjoni ta’ valuri estetiċi jew kriterji ta’ għarfien kritiku. F’dan is-sens, ngħidu aħna, il-korruzzjoni fil-media għandha tkun miġġielda bla heda. Qegħdin ngħixu l-epoka tas-sensazzjonaliżmu rħis u ċ-ċiniżmu tal-ispettaklu reality, fejn persuni vulnerabbli qed ikunu esposti għall-benefiċċju uniku tas-suq selvaġġ.
2. X’tifhem b’involviment politiku min-naħa tal-kittieb/poeta? Għandu l-kittieb/poeta jgħaddi l-ħsieb politiku tiegħu lil min imexxi lil pajjiżna permezz ta’ vrusu?
Il-kittieba m’għandhomx jabbandunaw l-arena tad-diskors pubbliku. L-aqwa esponenti tal-letteratura internazzjonali jagħtu eżempju klassiku ta’ dan l-impenn. Għandi f’moħħi lil Garcia Marquez, Dario Fo, Josè Saramago jew Harold Pinter, ilkoll rebbieħa tan-Nobel. L-awturi jridu jkunu l-fanali u l-interlokuturi tal-poplu. Jekk ma jitkellmux, isiru irrelevanti u jisfaw ikkundannati biex ikunu “studjati” biss fl-iskejjel għal eżamijiet formali u superfiċjali. Il-letteratura għandha tkun bil-wisq aktar inċiżiva minn hekk u nqis li l-kittieb għandu jaċċetta r-responsabbiltà tal-lotta politika. Għandu jġiegħel lill-politiku jħossu skomdu u irritat fejn meħtieġ.
3. Semmi aspett kurrenti li jolqtok u jġagħlek tikteb llum?
Lili jolqtuni ħafna aspetti tal-ħajja kwotidjana. U tolqotni l-aħbar barranija. Il-kitba hi attività tal-mument, imma r-ramifikazzjonijiet tagħha jibqgħu. L-isfida hi kif tikkompressa daqstant emozzjonijiet u ansjetajiet, u kif tagħtihom leġittimità wiesgħa tant li jibqa’ jkollhom resonanza.
L-esperjenzi kollha għandhom il-potenzjal li jkunu ttrasformati f’poeżija jew f’ġeneru ieħor. In-natura essenzjali tal-kitba kreattiva għandha x’taqsam mat-trasformazzjoni tas-sors/sustanza primarja u mbagħad, mal-konnettività mal-qarrejja. Jekk tfalli din il-fażi tal-aħħar, tkun falliet il-kitba. Tkun tilfet kull forza.
4. Il-kittieb/poeta jixtieq ir-rispett min-naħa tal-poplu. Imma qabelxejn dar-rispett għandu jiġi mill-istess kittieba/poeti kollegi tiegħu. Kif tirreaġixxi għal dan?
F'Malta dejjem kien hawn ċerti niċeċ letterarji u f'ċerti waqtiet storiċi l-awturi kienu nfirdu anki fuq il-medium lingwistiku. Għandi f'moħħi, ngħidu aħna, il-mod ta' kif kienu mifrudin il-letterati ta' żmien Dun Karm, bil-pro-Taljani fuq naħa u dawk favur il-Malti fuq in-naħa l-oħra. Kienet inħolqot l-istess firda fis-snin Sittin, b'uħud bhal Ġużè Aquilina jeħduha kontra l-moviment tal-poeżija l-ġdida. L-aktar eżempju reċenti ta' din il-firda letterarja, seħħ sewwasew lejlet li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea bħala membru sħiħ. Grupp sostanzjali ta' awturi Maltin ħarġu "ħalfa" kontra d-dħul ta' Malta fl-Unjoni, għaliex sostnew li Malta kienet se titlef l-identità kulturali tagħha. Ironikament, bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, tqiegħed fuq il-mappa Ewropea, uffiċjalment, l-ilsien Malti, bi gzuz ta' żgħażagħ Maltin u anki awturi stabbiliti bħal Marshall u Calleja, isibu mpiegi tajbin bħala tradutturi ma' istituzzjonijiet Ewropej.
In-nuqqas ta' rispett lejn l-awturi hu wkoll sintomu tan-nuqqas ta' rispett li jeżisti f'ċerti oqsma lejn il-lingwa indiġena. Minħabba raġunijiet soċjali, anki fl-università għadek tiskandalizza ruħek tisma' taħlita assurda ta' Ingliż medjokri u Malti mkisser. Quddiem din is-sitwazzjoni, l-awturi lokali huma jew passivi inkella indiffrenti. Ħu bħala eżempju l-każ ta' meta ġie f'Malta dan l-aħħar Roberto Benigni, biex jirreċita lil Dante. Benigni kien staqsa lill-udjenza jekk Dante qattx kien inqaleb bil-Malti u xi erbgħa min-nies fis-sala laqilqu li teżisti traduzzjoni. Kemm mill-awturi ħarġu jipprotestaw li ħadd ma kien gharraf lill-kommedjografu famuż Taljan li kemm Serracino Inglott kif ukoll Palma kienu ilhom li qalbu d-Divina Commedia għall-Malti. Din il-qagħda bierda tal-awturi tikkundannahom għall-irrelevanza soċjo-politika, b'mod li l-letteratura Maltija tilfet ir-relevanza soċjali u poltika tagħha u donnha qed teżisti biss biex tkun studjata għall-eżamijiet.
Irrid ngħid ukoll li bħalissa qed ikun ippubblikat ċertu blaff għal skopijiet populisti u/jew sensazzjonalisti. Minħabba l-pubbliċità li qed tingħata lil dawn ix-xogħlijiet f'ċerti ċrieki, il-letteratura lokali qed tkun assoċjata wkoll fil-perċezzjoni pubblika mal-vulgarità, il-banalità u l-bassezza. Anki hawn, qed jiddominaw biss il-kriterji tas-suq, bil-komplicità ta' strutturi li qed "jippremjaw" il-medjokrità anki uffiċjalment, u b'hekk jikbru l-irjus.
5. X’taħseb dwar l-importanza tal-Istorja f’rabta mal-kuntest attwali ta’ Malta fl-Ewropa, imma anki f’rabta mad-dħul kontinwu f’pajjiżna tal-immigranti irregolari mill-Afrika ta’ Fuq?
Jien nemmen fid-diversità, fatt li hu mseddaq ukoll mill-viżjoni Ewropea. Jien ma nagħmilx differenza dwar il-lewn tal-ġilda, għax marbut mal-lewn tal-ġilda hemm il-varjetà rikka ta’ kulturi oħra, forsi aktar pristini u aktar ġenwini. Din ir-rikkezza għandha x’taqsam mal-universalità u kull artist nifhem li għandu jkollu tieqa miftuħa beraħ biex jivvalorizza l-kollezzjoni vasta tal-kontenut etniku u t-tonalitajiet intriganti tagħha. Jekk le, dak ikun artist pjuttost mijopiku li qed jillimita lilu nnifsu.