DIXXERNIMENT

 

Tagħraf il-lejl jiċkien u mbagħad jespandi

bil-lajma griżankrepattiva tiegħu.

Il-lejl bħal orgni

mehdi jilmenta dwar ħajjiet moħlija.

 

Tagħraf kemm qraset l-illużjoni.

Kemm saru jixbħu l-imħabbiet tadarba

ġwienaħ bla lewn grunċjati

li nsew ghħl kollox kif itiru.

 

Jew saret tixbaħ il-passjoni katalett tal-pesta.

 

       Il-qalb imgħallqa b’piena sfiqa.

       Il-qalb eżawsta donnha ftila mxarrba

       fl-għadira fonda tat-telfien.

 

Fuq il-ħitan tal-ġranet tiegħek

jew dawk li baqaminnhom

hemm dbabar kbar tal-moffa

jiskuraw jintnu b’gangrena.

 

Ix-xita tiġma’ ċ-ċfales mal-bankini.

U ma’ sigħet l-erwieħ

iċ-ċinju jkanta bil-presentiment

bil-ħoss tal-lejl maqbud fi grieżmu.

 

Għarkubbtejh il-lejl jirrepeti lilu nnifsu

bħal patri mkeffen bil-barnuża b’kollox.

 

       Min jaf fejn mar l-alwett fejn marru n-nisa

       li lagħbu karusell b’xewqatek

       li żifnu mat-tastiera

       taġismek u rġulitek

       idubu fir-ritwali kollhom żina.

       Sakemm rawk hemm għarwien u moħli

       bħal skjav sturdut f’ħoġor l-isfinġa

       b’leħen qarrieq taqaħba ssofflok ruħek.

 

Baqagħlek għażla waħda:

titħaxken taħt id-dbielet ta’vrus jogħtru w jinġazzaw

f’deklin inevitabbli

jew tmur

iddur it-toroq fgati tiddikkjara

l-irrelevanza tiegħek

f’mixja farseska tnissel biss żufjett.  

 

 

Mario Azzopardi     -     Novembru 2011