EMERĠENZA
Il-ġenn
tal-kimeri tiegħu wassal
għall-poeżija tal-emerġenza. Fil-pajsaġġi
tal-plakka ta’ moħħu
welled skemi
w argumenti ġodda jseddqu l-prospett tiegħu għall-apokalissi.
Ċarrat
il-bibbji komunitarji w keskes il-ħolm imxaħħam ma’ djul l-isfinġi sagri.
M’hemmx dubju li
se jindunaw bih.
Tkun liema tkun
is-siegħa. Ikun liema jkun il-jum
jew il-lejl
jew
ikun kemm ikun bogħod l-orizzont.
Se jindunaw.
Ikun jonqoshom biss jiddeċiedu fejn se jipproċessawh:
hux fil-mużew
tal-ispeċi psewdo-kretini
li jkewsu fl-istrofi
hux quddiem
l-altar tal-għassiesa tal-kuxjenzi
hux fil-bitħa
tal-viġilanti bit-toppu
u n-nuċċali iswed
jew fil-forum
tal-esperti dwar vokazzjonijiet perikolużi
jew fis-senat
fejn
jittimbraw ir-reġistri
tal-ħajjin-mejta qabel
kull prosekuzzjoni.
Se jindunaw
bih żgur.
U diġa’
hemm il-kommozzjoni fl-arja.
Mario Azzopardi
14.11.11