L-ANZJANI TAL-OSPIZJU

La kien hemm  ġranet, la sigħat lanqas minuti.  Imma kienu s-2.30 ta’ waranofsinhar.

Qed timxi fil-kuritur li dalwaqt joħroġha minnha nfisha: kondensata, minuskola u mħattba. Tkaxkar sentenzi  ‘nviżibbli li ġemmghet  mas-snin u li m’għadhiex tiftakar xi jfissru.

U hemm l-oħra  tlissen l-orazzjoni mixruba quddiem Kristu Redentur qabel tħalli l-lejl misħut warajha. Hemm: bl-immunita’ tagħha qabel l-aħħar tappa, issa li nsiet lill-bastardi kollha li nifdulha  ħajjitha. Li biddlulha l-forma.   Imbagħad tiskot.  Muta fuq l-għatba tas-sala fejn qatt m’għadu jisbaħ.

Fis-sodda numru 11 hemm raġel li nixfitlu l-irġulija kollha, nixiflu l-ħalf, nixfulu r-ritornelli goffi.  Saqajh ‘mgħaddmin u bojod ħerġin mill-ħarqa, bla kont u skandalużi.  Ombra tiegħu innifsu.

Fil-kurikutur riħa ta’ spirtu w ippurgar jiżżelleġ l-abbiss bit-trakoma bħal qiegħ fond ta’ skutella tar-ras tiddewwed bin-nemel.  U l-idejn nexfin bħal minutieri dgħajfa joborxu l-wiċċ mittiekel t’arloġġ terminali.

Il-passaġġ tal-isterminju jitnaddaf kuljum bl-antisettiku, jgħib u jitfaċċa ‘mċajpar f’moħħ l-anzjani tal-ospizju: huma biċ-ċelluli jfarfru bħall-ġir f’dar fgata bl-umdu. Huma b’ruħhom iffriżata. Huma li   f’wiċċhom mingħajr glorja tħaffru t-trunċieri tad-dulur qadim li issa jħallihom indifferenti u mingħajr funzjoni.  M’għadhiex timporta għalihom l-oxxenita’ ta’ ħalqhom miftuħ bla snien,  ta’ dak li fadal minn ġisimhom jegħreq u jnixxi taħt il-kutri riħa t’ammonja u korruzzjoni.

M’għadux jimporta li ma jiftakrux  biex mardu jew  meta tfaċċa t-tbenġil taħt għajnejhom jew min  weġġagħhom  jew meta ntfewlhom il-kwiekeb tas-seħer jew  kemm għadhom relevanti jew fejn se jindifnu jew jekk xi darba twildux.     

 U l-lejl tagħhom jiġġebbed tul il-kurikur: kulma jmur jitwal u jiswied lejn l-estinzjoni.

X’jaraw jew jisimgħu jew liema xbihat bla piż isawru meta jorqdu ma jaf ħadd.

L-epoka tagħhom tisfuma fil-kuritur tawwali, huma u jkaxkru saqajhom lejn il-poeżija tal-qabar fil-hemda ta’ waranofsinhar imkebba f’ sigħat bla sigħat u f’ħin mingħajr ħin.

Dieħel għalihom riħ kiesaħ mix-xquq tat-twieqi.  Dieħel għalihom fl-ospizju. U jsibhom waħedhom u lesti.