PISS CHRIST
That laughter which jeers at the grandeur, the holiness, the majesty, the poetry of all things.
-Gongourt
Għażiż Ġesu’ Kristu
Għadni kemm rajt fotografija tiegħek. Klixejat bħas-soltu ġismek (did-darba tal-plastik), imdendel mill-kruċifiss tal-falliment finali. Dimensjonijiet tar-ritratt: 60 pulzier b’40.
Tidher imsallab u did-darba, imgħarraq. Did-darba r-ritratt sfukat u l-assessuri kritiċi dammew bosta aġġettivi dwar din l-immaġni studjata tiegħek: indiskreta, vagament imdiehba, mistika, likwifikata, suġġestiva, materjalment retiċenti, transluċenti, innokwa, sottilment reverenzjali, romantikament opaka, misterjuża, etikament intriganti.
Għadni kemm rajt dar-ritratt tiegħek imsallab.
U mgħaddas fil-bewl.
Ma nafx il-likwidu huwiex tal-artist akklamat, imma hemm int, Ġesu’ Kristu, imgħarraq fl-ammonja u l-urea u l-kreatina, u forsi fl-albumina u l-glukożju, fil-melanina u l-porfirina. Mhux biss fgat f’demmek iżda fil-bewl t’Andres Serrano.
- T. 1950 fi New York, ċittadinanza Amerikana, dixxendenza multi-etnika, imgħammed Kattoliku Ruman, espert tal-fluwidi korporji, inkluż il-halib, il-liba u d-demm. Sponsorizzat minn entitajiet kulturali prestiġjużi bħan-National Endowment. Għal aktar tagħrif, cfr. Wikipedja u l-volum Il-Perversita’ Sovversiva-Qaddisa fl-Opra Trasgressiva Kontemporanja tal-Punent Kristjan f’Andres Serrano, ta’ Josefa Huerte Castenada (2010), Pubblikazzjonijiet Cruz Inc., San Diego, CA.
Rajt din id-dagħwa ġdida dwarek, Ġesu’ Kristu.
Iżda l-akbar dagħwa mhux li xi ħadd ġietu l-idea li jbiddlek f’pulċinell sintetiku, imdendel u sommers fl-urina tiegħu (mhux importanti kienx il-bewl wara s-sawma notturna jew dak ta’ wara sakra ‘nbid). L-akbar dagħwa hi li għal darb’ohra, int ma tgħid xejn. Hemm int, l-istess ikona distanti, passiva, indifferenti, assenti, divinament patetika.
Sieket. Erġajt sieket bħal m’int sieket dejjem, f’kull ċirkostanza li titlob intervent. Sieket f’kull ċirkostanza trasgressiva, ta’ sabutagg. Sieket qudiem il-ġuħ u l-għatx tad-dinja, il-massakri, il-ftuq tan-nisa bil-bajjunetti, quddiem it-tortura fil-ġenitali u r-ras, quddiem l-ippopotami politiċi u reliġjużi, quddiem il-pedofili li faqqsu minn bejn it-troni tal-Knisja tiegħek, ruffjana tas-sekli, sedil għall-ippurgar antik tal-papiet u s-santimonjanza privileġġata, komda w konvenjenti.
U issa hemm int, Ġesu’ Kristu, Salvatur : ħiemed fil-bewl espost għall-estetika postmoderna.
M’hemmx tama li teħles lilek innifsek. Storja li wara kollox, indrat. L-istorja tal-impotenza tiegħek quddiem kwalunkwe kruċifissjoni.
Oxxena l-ħemda tiegħek, Sultan tal-Illużjoni.
Eroj tat-Telliefa.
Profeta ta’ poeżiji li qatt ma jitwieldu ħlief fil-ħofor t’għajnejn l-oppressi u tal-mejtin.
Mario Azzopardi