IS-SUITE
KLAWNESKA TA’ HENDRIK
-----------------------------------------------------------------------
Għażiża Lidia
Ħajr tal-aħħar posta.
Napprezza l-awguri tiegħek dwar Corinna
imma mhux qed insibha faċli biex mill-frammenti li ġbart nagħti
moħħ u ġisem (jew imissni ngħid ġisem u moħħ,
f’dik l-ordni) lil din il-mara misterjuża fil-ħajja amoruża
bikrija t’Ovidju. Għaddejt iljieli sħaħ inqalleb u nerġa’
inqalleb fil-poeżiji erotiċi tiegħu imma rnexxieli nifforma biss
ftit spekulazzjonijiet. Irrid
Iżda għalissa ħallina
mill-primat erotiku tal-poeta Ruman u r-relazzjonijiet tiegħu multipli man-nisa,
verġni u m’humiex, innoċenti jew oxxeni, passivi jew ossessivi,
relazzjonijiet perikolużi li wassluh għall-eżilju perpetwu. Ipprovoka wisq il-morali tar-reġim dak
l-edonist irreverenti u kompulsiv.
Interessanti tassew it-traduzzjoni li
qed taħdem fuqha bħalissa. Dwar id-Dharmasutra u d-diversi verżjonijiet tagħha ma naf
prattikament xejn. L-esperjenza tiegħi tal-Buddiżmu tillimita ruħha
għal ġabra elementari ta’ siltiet mill-Ktieb Tibetjan tal-Mejtin, The
Dharma Bums ta’ Kerouak u tliet iljieli ta’ passjoni ma’ Ġermaniża
bjonda li ltqajt magħha f’appartament tal-Hare Krixna f’Hamburgu. Illum għandha
fuq il-ħamsin sena, iggradwat fl-ekoloġija, krieħet, xagħarha
ħfief u tgħix ma’ volpi fil-periferija tal-Foresta s-Sewda.
Niġi għas-suġġett
ċentrali ta’ din il-korrispondenza: Hendrik.
Ma ktibtlekx qabel dwaru għax
kont naf li jinsab fil-Makaw u ma kellix aħbaru. Kont naf biss, mingħandu stess, li beda
jaħdem fuq kollezzjoni ta’ evidenzi dwar xbihat anċestrali, u b’mod
partikolari fuq ir-riti funerarji (in-newwieħa, l-offerti, l-għata u
t-tatwaġġi, fost l-oħrajn). Bħala awtur/attur, irid joħloq
spettaklu korproju primittiv, fejn jinterpreta lill-protagonista, Mara sabiħa
li wara li romlot (żewġha jinqatel
Forsi hawn għandi nfakkrek,
f’parentesi, li l-ossessjoni ta’ Hendrik bit-transvestiżmu ilha li
tnisslet. Kienet bdiet mal-mawriet tiegħu
fil-Greċja.
Kien qalli li meta jilbes u jirtokka
ruħu bħal dawk in-nisa mitoloġiċi kien iħossu
jittraxxendi, jidħol fl-ispazju oriġinali, inkantant u misterjuż.
Il-parrokki tax-xagħar lixx u twil, imġiegħed jew innukklat,
kienu jagħtuh l-enerġija divina tal-Femmina Eterna. U jiftakar li
fil-bidu bla bidu, Alla kien Mara. Interessanti
r-referenza tiegħu għal Alla, għax kif taf, l-anjostiċiżmu
tiegħu hu parti mis-solitudni li taħkmu
Bħala parentesi rrid infakkrek
li Hendrik għamel żmien interessat sew fit-Teatru Medjevali: kien
anki studja d-Diskorsi bejn Alla u r-Ruħ, fosthom id-Djalogu tal-Kurċifiss
mal-Pellegrin, dak ta’ Kristu mar-Ruħ Midinba u l-ieħor bejn
L-Eremita u x-Xiħ tal-Kumpass li jkejjel id-Dnubiet tad-Dinja. Kien
ippubblika monografu (1977), Qari
Freudjan dwar l-Omm tad-Dulur, fejn rabat il-libidu tal-Omm-Verġni
mal-mewt ta’ l-uniku raġel li kienet taf fiżikament: binha Jexwa. It-tifel tarbija jerdagħlha sidirha abjad
u verġni biex il-ħalib, imbagħad, jitħallat mad-dmugħ
u mad-demm, hekk kif f’mewtu terġa’ tilqgħu fi ħdanha.
Ja Ruħ x’għamiltlek
jiena/biex tfajtni wara spallejk/ftakar fil-passjoni u s-swat kollu/u l-mewt ħarxa
li batejt.
Dwar jekk Hendrik għandux xi ħaġa
lesta għar-rivista l-ġdida tiegħek ma nafx ngħidlek. Qabel
telaq lejn l-Orjent kien tani fotokopja t’abbozz teatrali li jidher li għadu
fil-bidunett. Qalli biex
Qalli biex ma ngħaddi
l-fotokopja lil ħadd iżda kunfidenzjalment se nniżżillek
fil-qosor sintesi tal-movimenti ta’ dan il-monologu ta’ Hendrik. It-“taqsimiet”
qed ninnumerahom biex tifhem aħjar il-passaġġ tal-ħsieb.
1. Joħroġ għan-nofs
tal-palk Klawn għarwien ħlief għal għata mkittef jgħattilu
rġulitu u l-ponot ta’ sidru fi ċrieki miżbugħa. Wiċċu
prattikament abjad imma madwar għajnejh u xofftejh hemm tiċpis iswed.
Jibda joħroġ minn bagalja
sensiela ta’ maskri: Gaja, Melkart,
Tanit, Ramsis, Fedra, Medea, Mark’Antonju, Kostantinu, is-Sultan ta’ Saba,
Ragnarok tal-Vikingi, Bodisattva, Ġeremija, Ġesu Kristu, is-Sibilla
tal-Aħħar Ġudizzju, Boy George u Lady Gaga.
2. Jintroduċi ruħu
mal-pubbliku bħala l-Attur Vagabond fil-ftuħ tal-Millennju, studjuż
tal-kuntrasti l-kbar tal-iskrittura reviżjonista: mill-għeluq
minuskolu tal-kożmos tal-Isqof Ussher sal-univers bla tarf ta’ Galileo.
Imma jrid jaqleb kollox għal reġistru traġikomiku, mingħajr
boxxla u mingħajr sess fiss.
3. Tibda nieżla xita li
ma ssaffix u r-ragħad hu biss ragħad u m’għandux leħen
Alla. Jilbes kullana bl-irkiekel dorsali mnixxfin u jiżfen b’maskri
differenti, issa għarwien għal kollox taħt l-ilma jiqliel.
4.
5. Jistejqer u jbiddel iktar
maskri. Jiżfen ir-ritwal tal-Mara-Raġel
u jiddikkjara li hu s-Salvatur u l-Antikrist, it-tnejn f’wieħed. Jagħmel serje ta’ kutrumbajsi u jsir
Mortiċia, b’wiċċha lellux u xux’tha lixxa u sewda.
6. Isir Salome`. Jiżfen b’seba’
veli. Jinbidel fil-Qaħba tal-Babilonja. Tolqtu sajjetta, tħallih
katavru. Imma jirxoxta mill-imwiet.
7. Jitbaxxa d-dawl ċentrali
u tixgħel bl-aħdar iċ-ċiklorama. Jibdew jidhru dellijiet
fitti, l-ewwel żgħar u mbagħad jikbru u jkomplu jikbru. Il-Klawn
jinħataf mid-dellijiet u jibda jifga. Jinstama’ l-uġiegħ
iddisprat ta’ Mara vjolentata. Imbagħad id-daħqa miġnuna,
terribbli tagħha. X’aktarx Kassandra. Jintfew f’salt id-dwal kollha
tal-palk u tibqa’ d-daħqa, iddur kiesħa w insensata fuq ras in-nies
fis-sala. Osservaturi f’manikomju.
Ma nafx dan huwiex abbozz preliminari
biss. Nammetti li joffri ċerti intriċċi anki mill-aspett
tekniku. Imma fejn se jispiċċa dan il-proġett ma nafx. Hendrik
qatt m’hu prevedibbli u ż-żjara tiegħu fil-Makaw tista’ taljenah
mix-xogħol li fissirtlek hawn fuq.
Għal-lum nieqaf hawn, għażiża
Lidia. Jekk nisma’ aktar mingħand Hendrik nibgħat ngħarrfek.
Kristofer.
Ma
rridx ninsa. Kitbitli Sonia Smirnova
Imma
dan diskors kompletament differenti li mhux loku hawn.
K.