FUNERAL FIL-KARNIVAL : L-AKTAR
XOGHOL RICENTI TA’ MARIO AZZOPARDI Azzopardi,
Mario (2010) Skizzi tal-Karnival,
Analizi ta’ Immanuel Mifsud,
BA (HONS), MA.
Fit-tlaqqih tieghu ta’ sesswalita’ grotteska,
infirmita’ mentali u sinjali ta’ mewt, Azzopardi jerga’ johrog b’antologija li
tiskomoda, fejn il-kruha hi kontrobilancjata mill-erotizmu.
Jingħad li Gustav Klimt pitter
il-kwadru Die Hoffnung I ftit wara li
mietlu t-tifel tiegħu Otto ta’ ftit xhur, x’aktarx fl-1903 (Partsch 199:
66). Mara b’xagħarha aħmar imżejjen bi fjuri kkuluriti, nuda u
tqila, tħares lejn l-ispettaturi dritt f’għajnejhom. Warajha,
fl-isfond, hemm figuri koroh, tal-biża’. Fost dawn hemm ras ta’ mewt,
bix-xedaq miftuħ beraħ, donnha se tagħti l-gidma fatali lil din
il-mara. Klimt (bħal Egon Schiele) jibqa’ magħruf għall-mod kif
erotiċizza l-figura femminili permezz ta’ pożi suġġestivi
(pereżempju tfajliet jimmasturbaw), kif ukoll għall-mod kif
żejjen il-pittura tiegħu bid-dawl u t-tgħammix tad-deheb li
uża f’ħafna kwadri. Die
Hoffnung I, bħal kwadri oħrajn, ma jiqafx
fl-erotiċizzazzjoni tal-mara, iżda jressaq dikotomija antika bejn
is-sabiħ u l-ikrah, l-orrendi u s-sublimi, l-eros u t-thanatos.
Dettall minn dan il-kwadru jidher fil-qoxra ta’ Skizzi tal-Karnival, l-aktar xogħol riċenti ta’ Mario
Azzopardi. Bħax-xogħol ta’ ħafna artisti oħrajn,
il-poeżija ta’ Mario Azzopardi, sa mill-fażijiet l-aktar bikrin
tagħha, ukoll ippreżentat din id-dikotomija. Il-kitba ta’ Azzopardi
kontinwament tikkataloga iġsma difettużi, morda b’mard terminali
(kanċer, mard tal-qalb), muġugħin, moribondi, mostrużi, kif
ukoll spiċċuti. Il-kruha tal-mard, madankollu, issib kontrapiż fix-xbihat
ta’ nisa sbieħ u fid-deskrizzjonijiet ta’ figuri u azzjonijiet
erotiċi. ‘Clinic Blues’ (1972) hija poeżija tipika tat-taħlit
bejn l-ikrah u s-sabiħ: żagħżugħ jixħet
għajnejh fuq mara ta’ ċerta età li żewġha qiegħed imut
bil-kanċer u jisseduċiha. Il-mara, sfajra iżda xorta
bil-ħajra, tirrispondi għas-seduzzjoni
taż-żagħżugħ billi turih ir-rieda tagħha basta
l-ewwel imut żewġha. Din hija biss waħda minn għadd ta’
poeżiji li Mario Azzopardi kiteb bi sfond mediku, anzi terminali, li fih
jiltaqgħu il-mewt u l-ħajra sesswali, tlaqqigħ li għalih
jibqa’ magħruf sewwa x-xogħol ta’ Georges Bataille, partikolarment
l-istudju tiegħu L'Érotisme
ou la muse en question de l'être, u r-rumanzi Histoire de l’Oeil u
Le Bleu du Ciel.
Madankollu, Skizzi tal-Karnival,
jiddevja minn din l-attitudni għar-raġuni li dawn
il-‘poesaġġi’ jippreżentaw l-ikrah b’nuqqas kważi totali
tas-sabiħ fil-forom kollha tiegħu. Dan l-aħħar xogħol
ta’ Azzopardi jiffoka fuq kruhat differenti mingħajr ma jagħti s-sabiħ
li xogħlijiet aktar bikrija kienu jagħtu. “L-Ittra ta’ Svieta” toffri
kuntrast evidenti ħafna ma’ “Clinic Blues”. Hawnhekk tidher Svieta li
tesprimi t-tqanqil sesswali lill-kittieb, li, min-naħa tiegħu, juri
nuqqas ta’ interess minħabba l-preokkupazzjonijiet l-oħrajn li
qegħdin iħabbtuh:
bqajt ma
ħaristx lejja u jien ħsibtek stramb u mingħajr istinti, imma
issa naf li għandek ħwejjeġ gravi fuq moħħok, ħwejjeġ aktar essenzjali min-nudità
dekadenti tiegħi.
Dawn il-“ħwejjeġ gravi” li Svieta tinnota huma marbuta
mat-terminalità tal-ħajja, mar-realtà kruda ħafna li kemm
il-ġisem tal-poeta nnifsu u kemm dawk l-iġsma ta’ madwaru mixjin
il-mixja naturali lejn it-tmiem. Skizzi
tal-Karnival mimli b’dawn il-“ħwejjeġ gravi”, mimli
bil-preokkupazzjonijiet tal-poeta għall-mod kif il-ħbieb u
l-konoxxenzi tiegħu qegħdin jispiċċaw wieħed
wieħed. Missier Miriana (“Komunikat lil Oskar dwar l-Eks-Martu”) imut
b’kanċer fil-pulmun wara li kien jaħdem bħala riċerkatur
nukleari; omm Anġele (“L-Ittra dwar Anġele”) tmut bil-kanċer
ukoll; ir-raġel bilqiegħda fuq bank ma’ martu (“Raġel u Mara fuq
Bank”) għandu kanċer tal-prostata filwaqt li martu qiegħda
titlef id-dawl; The Loser (“Rendez-Vouz”)
tneħħietlu testikola għax rabbiet “tumur aggressiv”; il-pazjenti
fil-Virgo Fidelis (“Sala Numru M-K 13”) waslu lkoll fl-aħħar ta’
ħajjithom, min qiegħed ibati wara s-sessjonijiet tal-kemoterapija,
min imwaħħal mad-dripp bi sturdament kontinwu, min ibati minn
endokarditi severa, min spiċċa mutilat minħabba d-dijabete, min
liebes il-maskra tan-nifs, u min saħansitra ħiereġ stendut
f’tebut taż-żingu bir-roti jżaqżqu.
Hemm karattri li donnhom għadhom iridu jirreżistu l-ħasda tal-minġel,
iżda l-mod kif jiġu ppreżentati, aktar milli jqanqal
l-ammirazzjoni tal-qarrejja, inissel ħasra għall-mod patetiku kif
joffru din ir-reżistenza. Zsuzsanna Szirtes hija waħda minn dawn
il-karattri: xjaħet u m’għadhiex tajba biex tgħix waħidha.
Xiħadd qed iħajjarha tieħu terran biex ma tbatix. Tfakkrek
fir-ritratt “Budapest” ta’ Andres Serrano fejn mara xiħa ħafna tidher
bla ħwejjeġ, b’sidirha niexef u mdendel, imwieżna fuq bastun,
tidher bil-make-up hi u tpejjep sigarett f’poża ta’ mudella
seduttriċi. Ir-ritratt ta’ Serrano, jekk xejn, juri l-patetiċità ta’
din il-mara li l-kruha ta’ ġisimha f’qagħda li jimita dik
tal-mudelli, jirrendiha grotteska, patetika u assurda. Zsuzsanna Szirtes,
bħall-mudella anzjana ta’ Serrano, “għada tipprova tiżbogħ
difrejha ħomor skuri anki jekk għaddietha l-puplesija u sammritilha
drigħ wieħed u anki jekk is-swaba’ ta’ sqajha bdew jikħalu
biz-zokkor.”
Id-dehra ta’ dan il-ġisem xiħ u marid, bid-dwiefer
miżbugħin bl-aħmar, żgur li ma jqanqalx jekk mhux
stmerrija, u għandu effett li jiddiżgusta aktar milli jħajjar.
Fi Skizzi tal-Karnival l-elementi
erotiċi ma jservux ta’ kontrapiż għall-kruha bħalma
jseħħ f’poeżiji aktar bikrija bħal “Clinic Blues”,
iżda għandhom l-effett oppost: li jkerrhu aktar. Dan jidher ukoll
fil-figura daqstant ieħor patetika ta’ Santer del Fiore (“L-Ittra Dwar
Santer del Fiore”), li kkonfinat f’ċella solitarja fis-sanatorju ta’ San
Diżma qiegħed ibati minn ossessjoni bis-sesswalità. L-enerġija
libidinali ta’ dan il-karattru m’hijex ġejja mir-rieda tal-bniedem
għas-sabiħ, għall-ħajja u r-riproduzzjoni, daqskemm
riżultat ta’ mard mentali. Terġa’, l-erotiżmu li jikkonsma huwa
wieħed ‘abnormali’, ikkaratterizzat mill-“fetish” u abberrazzjonijiet sesswali
bħall-mażokiżmu u fetixiżmu b’iġsma immankati. Fi
storja simili, K., raġel ieħor f’ċella solitarja (“Skizzi
tal-Karnival”), jikteb messaġġi lil ċerta Roksana,
messaġġi mimlija xbihat sesswali grotteski li jfakkru fl-istudji ta’
Bakthin dwar il-karnivalesk u l-grottesk, Rabelaise
and his World. Is-sesswalità tieħu forom grotteski bħal ngħidu
aħna fix-xbiha ta’ persuna bi ħjara ħierġa mill-kużakk
tiffornika ma’ mara ħotbija li joqtolha waqt l-orgażmu, jew Roksana
liebsa ta’ flaġellatriċi “b’sider falz imqabbeż u mikxuf”. Dan
l-erotiżmu grottesk huwa nieqes għal kollox mis-sens tas-sublimi li jikkaraterizza
l-erotiżmu fil-poeżija bikrija ta’ Azzopardi, anki jekk il-grottesk
qatt ma kien nieqes.
Meta wieħed iqis li dawn ix-xbihat jappartejnu jew huma projettati
minn nies morda, moribondi jew fi stat ta’ ġenn, bilfors li jinfixel
fir-reazzjoni tiegħu. Din il-fixla tidher fil-poesaġġ “Komunikat
lil Oskar dwar l-Eks-Martu”, fejn Mirjana, mara ta’ ħamsa u erbgħin
sena, biex tinsa l-mewt ta’ missierha u l-mewt taż-żwieġ
tagħha, tagħmel operazzjoni ta’ kirurġija plastika biex
tirrikostruwixxi l-vaġina ħalli jerġa’ jibda jkollha
orgażmi intensi. Hawnhekk, Marius, il-bniedem li qiegħed jikkomunika
permezz ta’ ittra, jesprimi l-iskumdità tiegħu li filli qiegħed
jitkellem fuq il-vistu u filli jitkellem fuq il-vaġina operata:
Kif naħseb
li tifhem, ma kienx faċli għalija li nirrikonċilja x-xena
funebri li sibt fid-dar tagħha ma’ dan it-tagħrif
mhux mistenni (u anki
mtaqqal b’ċertu imbarazzament) dwar il-ġinekoloġija
kożmetika.
Jidher li Skizzi tal-Karnival
jimxi ma’ tradizzjoni antika fejn anki l-ikrah jinċita l-interess
libidinali. Wieħed jista’ jqis dan kollu bħala trasgressjoni jekk
mhux ukoll perversità, għaliex in-norma titlob li dak li jkun jieħu
gost bis-sabiħ u jiddiżgusta ruħu bl-ikrah. Madankollu,
l-istorja tal-bniedem, speċjalment tas-sesswalità tiegħu, turi
ħwejjeġ oħrajn. Din hija kitba li tiskomoda għaliex
fil-mard u fil-ġenn kollu li jissemma, fix-xbihat morbużi ta’ mwiet
mill-aktar koroh, hemm erotiżmu flagranti, stravaganti waqt li nieqes
mis-sublimi. Il-mistoqsija m’hijiex għala moħħ marid u
ġisem difettuż isawru xbihat erotiċi, daqskemm għala artist
iħoss il-ħtieġa (jew il-ġibda?) li joħroġ
fil-beraħ dawn l-istramberiji kollha: għala l-privat ħafna
jispiċċa fil-pubbliku? X’inhuwa l-effett ta’ dan kollu fuq
il-qarrejja?
Jekk Serrano esebixxa ritratti ta’ nisa xjuħ nudi b’forma
diżgustanti, jew xjuħ iwettqu atti ta’ sess orali quddiem il-lenti,
jew xogħlijiet ‘miżbugħa’ bid-demm u l-isperma tiegħu stess;
jekk fotografi bħal Karl Grimes esebixxew sensiela ta’ ritratti ta’ trabi
mejta magħlquin f’vażetti bil-formalina; ma jistax jonqos li
l-kittieba jħarsu lejn il-kruha huma wkoll u jperrċuha.
Bħall-pittriċi Jenny Saville, li qattgħet sigħat
sħaħ fi kmamar tal-operazzjonijiet tal-kirurġija plastika tara
l-iġsma jinfetqu u ‘jissewwew’ biex imbagħad tpittirhom b’dettalji
xokkanti, Mario Azzopardi jingħalaq fiċ-ċella tiegħu mnejn
jibqa’ josserva, jitkixxef, jirċievi l-informazzjoni biex imbagħad
joffriha mingħajr tiżjin.
Għaldaqstant hemm żewġ livelli ta’ trasgressjoni:
fir-rakkont tal-karattri u fir-rakkuntar tal-poeta.
Skiżżi
tal-Karnival jiskomoda
għaliex jisfoka l-linja bejn in-norma u t-trasgressjoni. Iżda din
il-linja rqiqa hija sfukata fil-ħajja ta’ kuljum: il-pornografija li
tintwera fuq l-internet ma tafx limiti l-istess bħalma ma kellhiex limiti
l-perversità miktuba fil-kotba ta’ de Sade u ta’ Bataille. L-istatistiċi
juru li s-siti pornografiċi huma fost l-aktar frekwentati fl-ispazju
virtwali. Ir-rikostruzzjoni plastika ta’ isdra, ġenitali, saħansitra
wċuħ, hija rreklamata u ddokumentata f’għadd kbir ta’
dokumentarji li jintwerew fuq it-televixin. Il-faxxinu bid-dmija u orruri
oħrajn huwa mmanifestat anki fis-servizzi televiżivi
tal-aħbarijiet, fil-‘logħob’ tal-video games, fil-films. Kif turi
Élisabeth Roudinesco fil-ktieb tagħha Our
Dark Side: A History of Perversion (Polity, 2009) sa mill-Medju Evu (meta
l-kunċett tal-perversità ġie introdott fid-dinja tal-Punent, kull
perjodu kellu l-perversitajiet u t-trasgressjonijiet tiegħu. Id-diskors
dwar is-sess, l-aktar id-diskors xjentifiku li ħa spinta kbira fis-seklu
dsatax, ħoloq klassifikazzjonijiet tat-trasgressjoni li
biż-żmien ġew immodifikati. Il-fatt biss li wieħed
jitkellem fuq suġġett li jiddisturba, iżda, juri l-faxxinu b’dak
li jisfida n-normalità. Għalhekk, filwaqt li wieħed jista’ jitħassar
lil Santer del Fiore, lil K., forsi anki lil Mirjana u anki lil Zsuzsana
Szirtes, l-istejjer tagħhom huma stejjer interessanti: iqanqlu stmerrija,
kompassjoni, diżgust, imma wkoll jiġbdu l-attenzjoni u l-ħarsa.
Fl-istejjer il-koroh ta’ dawn il-karattri hemm fil komuni: is-sess u
l-erotiżmu. Minħabba dan, il-qarrejja jispiċċaw
jinġibdu lejn ħwejjeġ li jimbuttaw, u għalhekk jinfixlu.
Fil-fehma tiegħi, id-differenza l-aktar evidenti bejn dan il-ktieb u
l-oħrajn li kiteb qabel Mario Azzopardi tidher fin-nuqqas tas-sublimi.
Iżda hemm differenza oħra li wkoll għandha tqanqal l-interess. Skizzi tal-Karnival mimli ittri, emails
u dokumenti li jinstabu b’ċikka fl-iżgambelli tal-isptarijiet.
L-aħbarijiet – kollha kemm huma ħżiena għax relatati ma’
mard mentali jew terminali, u mwiet – jaslu għand il-poeta mingħand
xiħadd.
Tistħajjel lil min qed jikteb magħluq waħdu, quddiem
il-kompjuter jirċievi l-posta elettronika, jew jistenna l-pustier
jixħetlu l-ittri fil-kaxxa, l-aktar l-aktar jistenna telefonata li ma tasal
qatt. Is-solitudni ta’ Zsuzsanna Szirtes, ta’ Mirjana u ta’ karattri
oħrajn, hija wkoll is-solitudni mġarrba tal-poeta li jirċievi
l-aħbarijiet, jew li jagħtihom, permezz tal-ittra. Il-qarrejja
jistgħu jiffurmaw l-impressjoni ta’ xiħadd waħdu, maqtugħ mill-bqija
waqt li fl-istess ħin, iżomm il-kuntatt ma’ kulħadd
minħabba l-interess li għandu fl-Ieħor. Meta wieħed
iħares lejn dawn il-kitbiet jieħu l-impressjoni, għallinqas
waħda inizjali, li l-ħarsa tal-poeta tmur lilhinn mill-“innifsi” tiegħu.
Il-kittieb jirċievi u jxerred l-aħbarijiet ta’ din il-lista ta’ nies
difettużi, jistaqsi dwarhom u jwieġeb lil kulmin jista’ jkun
interessat fihom. Jekk poeta kiteb fuq il-morda – l-aktar dawk b’mard terminali
– tul il-karriera poetika tiegħu, ifisser li kien minn dejjem interessat,
li involva ruħu fl-istorja ta’ dawn it-talin. Iżda hawnhekk
l-interess jidher mod ieħor: il-kittieb ukoll huwa ikkonfinat,
magħluq ġewwa xi mkien imwarrab, iżomm il-kuntatt wara li
intenzjonalment inqata’ mill-kumplament. Skizzi
tal-Karnival jagħtina din l-insistenza, tista’ ssejħilha
ossessiva, ta’ xiħadd li jrid ikun jaf l-aktar kwalitajiet oskuri ta’ nies
li setgħu għexu ħajja normalissima.
Din hija l-poeżija ta’ xiħadd li
jinsab ippreokkupat fil-kwiet ta’ kamartu b’dak kollu li qed jiġri fi
kmamar oħrajn, b’nies oħrajn li tilfu d-direzzjoni u qed jitilfu lil
ġisimhom ukoll.
Referenzi:
Azzopardi, Mario; Friggieri, Joe; Friggieri, Oliver;
Mahoney, Raymond u Sciberras, Philip (1972) Dwal
fil-Persjani,
Partsch,
Susanna (1999) Gustav Klimt: Painter of
Women, Munich: Prestel-Verlag